gov.mt

pr261555

PR261555

25/09/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT 37,771 student se jibdew is-sena skolastika l-ġdida fl-iskejjel tal-Istat

​

37,771 student se jibdew is-sena skolastika 2026/27 fl-iskejjel tal-Istat, mill-kindergarten sas-sekondarja, fosthom 2,754 student ġdid. Dawn se jiġu mgħallma minn 8,861 edukatur.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri qal li, “Kull wieħed u waħda minn dawn is-37,771 student jistħoqqlu skola sigura u moderna, kif ukoll għalliem li jemmen fih. Huwa proprju għalhekk li qiegħed isir dan l-investiment. Nawguraw sena skolastika tajba lill-istudenti, lill-ġenituri u lill-edukaturi kollha.”

Trasport skolastiku b’xejn

Matul din is-sena skolastika, s’issa, 36,457 student ser ikunu qegħdin jagħmlu użu mit-trasport skolastiku b’xejn: 15,370 mill-iskejjel tal-Istat u 21,087 mill-iskejjel tal-Knisja u dawk indipendenti. 

Is-servizz jingħata b’xejn lil kull student eliġibbli, mill-ewwel sena tal-kindergarten sal-ħdax-il sena, li jgħix aktar minn kilometru ’l bogħod mill-iskola tiegħu. Is-servizz ikopri 207 skola. 

Aktar minn €110 miljun fi skejjel ġodda u mtejba

Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada għandha għaddejjin proġetti b’investiment ta’ aktar minn €110 miljun, fosthom:

• Kumpless tal-idroterapija għat-tfal b’diżabilità f’San Miguel, Pembroke, li se jkun lest sal-aħħar tal-2026;
• F’Għawdex, l-Iskola Primarja ta’ Kerċem se tiftaħ il-bibien tagħha din is-sena, filwaqt li x-xogħlijiet fuq l-Iskola Primarja taż-Żebbuġ se jibdew dalwaqt. Il-faċilitajiet sportivi, is-swali u l-parkeġġi fl-iskejjel il-ġodda se jkunu miftuħa għall-komunità wara l-ħin tal-iskola;
• Skola primarja ġdida fin-Naxxar, kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea, li se tiftaħ is-sena d-dieħla;
• Skola primarja ġdida fil-Mellieħa, li se tinkludi sala u faċilitajiet sportivi;
• Rinnovazzjoni estensiva tal-Iskola Primarja San Ġorġ f’Ħal Qormi.

Ġew ingaġġati 187 għalliem

Din is-sena ġew ingaġġati 142 għalliem ġdid regolari u 45 għalliem ġdid supply.

€2 miljun f’xogħlijiet matul is-sajf

Matul is-sajf ġew investiti madwar €2 miljun f’160 proġett ta’ manutenzjoni mwettqa minn EDU Infrastructure. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu klassijiet, soqfa, żoni ta’ rikreazzjoni u għamara.

Bħala parti mill-Programm EDU Infrastructure, l-Iskola Primarja tal-Belt Valletta se terġa’ tiftaħ il-bibien tagħha wara rinnovazzjoni b’investiment ta’ €2.2 miljun. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu sistemi tal-arja kkundizzjonata u pannelli fotovoltajċi, kmamar tal-banju aċċessibbli f’kull sular, ix-xogħlijiet li saru huma adattati għal tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu, sistemi tas-sigurtà mtejba, kif ukoll faċilitajiet sportivi ġodda b’ħaxix artifiċjali.

Dan filwaqt li parallel għaddejjin proġetti oħra fosthom fl-iskejjel ta’ Birkirkara, Blata l-Bajda u Tas-Sliema fost oħrajn.


​